Maltin jitħarrġu mat-Taljani fil-moda

L-MCAST, flimkien maċ-Chamber of Fashion Malta Foundation, għadha kemm ħabbret ftehim biex ikun hemm aktar kollaborazzjoni fejn jidħol l-iżvilupp tal-industrija tal-moda f’Malta.
Dawn ftehmu biex jorganizzaw attivitajiet bħala promozzjoni għal kunċett tal-moda “Made in Malta” u “Made in Italy”, kif ukoll taħriġ għall-istilisti fis-settur tal-moda bl-għajnuna tal-fondi Ewropej.
Il-ftehim għandu wkoll l-għan li jippromwovi disinjaturi Maltin u dawk Taljani, u jgħinuhom sabiex jakkwistaw esperjenza barra minn pajjiżhom.
Se jiġu offruti boroż ta’ studju għal opportunitajiet sabiex studenti Maltin jitħarrġu fil-moda u jwasslu it-talent Malti, f’dak li għandu x’jaqsam ma' make-up artists, mudelli, disinjaturi u anke fotografi, lil’hinn minn xtutna.
L-għan ta’ din il-kollaborazzjoni huwa wkoll biex Malta tiġi promossa bħala post ideali għal photoshoots tal-moda.