Maltin jinqabdu Munich minħabba titjira kanċellata tal-Air Malta

Għadd ta’ Maltin inqabdu Munich peress li l-Air Malta kellha tħassar titjira lejn Malta minħabba l-maltemp fil-Ġermanja.

Dan qalitu l-linja tal-ajru fi stqarrija, li fiha spjegat li t-titjira KM309 kellha titħassar peress li l-ajruport ta’ Munich għamel xi restrizzjonijiet minħabba l-maltemp. Il-linja tal-ajru qalet li qed tagħmel li tista’ biex issib soluzzjoni għall-passiġġieri, li għandhom jiġu kkuntattjati llum.

Ilbieraħ, l-Air Malta kellha tibdel ukoll it-titjira KM308 minn Malta għal Munich, li marret Linz minflok, peress li l-ajruport ta’ Munich ingħalaq wara li l-ajruplan kien diġà telaq minn Malta. Żiedet tgħid li sabitha stramba li xi linji tal-ajru ngħataw permess jinżlu Munich, filwaqt li t-titjiriet tagħha ġew rifjutati.

Passiġġieri li jeħtieġu xi għajnuna għandhom jikkuntattjaw lil-linja tal-ajru fuq 21662211.

Il-maltemp fl-Ewropa affettwa wkoll it-titjiriet lejn u mir-Renju Unit, li bħalissa hu maħkum mill-maltempata Ciara.