Maltin ittraffikaw tonn illegali permezz tat-toroq u l-ajru – rapport

Rapport ġdid qed juri li kumpanija b’sidien Maltin allegatament traffikaw it-tonn b’mod illegali minn awtostradi Taljani, baqgħu sejrin lejn Marseille imbagħad eventwalment waslu Spanja, filwaqt li tonn ieħor wasal Madrid permezz ta’ ajruplan akkumpanjat minn dokumentazzjoni falsifikata. Ir-rapport ta’ El Confidencial jgħid li d-direttur tal-kumpanija kien ġie kkuntattjat mill-gazzetta Spanjola u ġie kkwotat jiċħad kategorikament li l-kumpanija tiegħu qatt kienet involuta fit-traffikar ta’ tonn maqbud illegalment.

L-artiklu tal-gazzetta Spanjola jibda b’konverżazzjoni interċettata li saret bejn Juan li jaħdem għal Confremar SA, kumpanija Spanjola li tbigħ ħut u molluski bl-ingross u li għandha wkoll stands li jbigħu l-ħut f’Mercamadrid, u Khalid Mouslim deskritt bħala “logutenent” ta’ żewġ kumpaniji oħrajn Spanjoli. Skont il-konverżazzjoni interċettata u ppublikata minn El Confidencial, Juan qal lil Mouslim biex ma jibgħatx it-tonn iż-żgħir permezz tat-trasport fit-triq, imma biex jibgħat ħut ikbar bl-ajruplan. Hu qallu li ħadd ma kien interessat f’tonn żgħir.

Il-konverżazzjoni ġiet interċettata mis-Central Operative United tal-Gwardja Ċivili Spanjola magħrufa bħala Ucoma. Il-unit huwa responsabbli għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ forom serji ta’ kriminalità u kriminalità organizzata. L-interċezzjoni hija parti ta’ investigazzjoni maġġuri mill-awtoritajiet Spanjoli fil-kuntrabandu tal-bejgħ tat-tonn.

Wara rapport li kien ħareġ iktar kmieni mill-istess gazzetta Spanjola, id-Direttur tad-Dipartiment tas-Sajd, Andreina Fenech Farrugia, ġiet sospiża b’mod indefinit. Fenech Farrugia ċaħdet l-allegazzjonijiet.

Skont l-investigazzjonijiet mill-Pulizija Spanjola, Confremar SA kienet qed tixtri t-tonn li nqabad b’mod illeċitu minn Malta u mbagħad ġie mibjugħ f’ristoranti u ħwienet tal-ħut fi Spanja. L-investigazzjoni ta’ Ucoma turi lil Mouslim bħala wieħed mill-akbar bejjiegħa tal-ħut maqbud illegalment u li oriġina minn pajjiżi differenti fosthom Malta u l-Marokk, u dak li introduċa t-tonn mibjugħ fuq il-blackmarket fin-negozju kummerċjali Spanjol.

Il-konverżazzjonijiet interċettati juru lil Mouslim bħala logutenent ta’ żewġ kumpaniji Spanjoli, Pescnort Mar SL u Marsfishval SL li kien jimporta t-tonn illegalment minn Malta permezz tal-art u l-ajru. Il-kumpaniji huma tal-familja Fernandez Fernandez, li għandhom bastiment li jinsab f’Beniparrell u li kien jirċievi u jaħżen it-tonn illegali u aktar tard iqassmu f’bosta provinċji.

Wieħed mill-persuni li allegatament kien jissupplixxi t-tonn maqbud b’mod illegali u mkabbar Malta qed jingħad li huwa Giovanni Ellul, skont El Confidencial. Ellul huwa d-Direttur Ġenerali ta’ Malta Fish Farming (MFF Ltd). Sorsi qalu lil El Confidencial li Ellul traffika t-tonn minn awtostradi Taljani, baqgħu sejrin lejn Marseille imbagħad eventwalment waslu Spanja. Ir-rapport isemmi li t-traffikanti użaw katamarans u speedboats biex imexxu t-tonn. Il-tonn kien jasal fl-ajruport ta’ Madrid akkumpanjat minn dokumenti ffalsifikati. Ellul kien ċaħad kategorikament li l-kumpanija tiegħu kellha x’taqsam mal-allegazzjonijiet li kienet qed tagħmel El Confidencial.