Maltin fil-Libja: “Ma sibna l-ebda għajnuna mill-Ambaxxata”

Maltin li jinsabu maqbuda fil-Libja u li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li ma sabu l-ebda għajnuna mill-Ambaxxata Maltija fil-Libja.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat li xi Maltin qasmu l-fruntieri waħdihom biex joħorġu mil-Libja, billi għamlu l-vjaġġ lejn Djerba fit-Tuneżija.
Ta’ min jgħid li l-vjaġġ mil-Libja lejn it-Tuneżija m’huwiex wieħed faċli hekk kif fit-triq tista’ tiltaqa’ ma’ serq u attakki u dan fl-istess waqt li xi pompi tal-petrol jinsabu magħluqa.
Il-Maltin fil-Libja komplew jgħidu ma’ Newsbook.com.mt li l-ambaxxatur u l-assistenti jinsabu kollha f’Malta filwaqt li bħalissa fl-ambaxxata m’hemm ħadd li huwa Malti u li seta’ jgħinhom f’dan il-mument.
Diversi Maltin oħra jixtiequ jiġu lura Malta iżda jinsabu maqbuda fi djarhom b’nuqqas ta’ gass u petrol.
Kelliema tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin qalet ma' Newsbook.com.mt li sa nhar il-Ġimgħa, il-crisis team kien għamel kuntatt ma' 275 Malti fil-Libja.
Minkejja dan, il-Ministeru tal-Affarijiet barrain, f'konferenza aktar kmieni din il-gimgha qal li bħalissa fl-Ambaxxata hemm żewġ Konsli Maltin residenti l-Libja.