Maltin arrestati f’ċirku kriminali li fih hemm involut l-ISIS

Żewġ Maltin huma fost sitt persuni arrestati mill-Guardia di Finanza wara li nqabdu f’ċirku kriminali li jittraffika żejt misruq mil-Libja u li x’aktarx hemm involut fih L-istat Iżlamiku.
Skont il-Corriere della Sera, iż-żejt kien qed jinsteraq mir-raffinerija f’Zawyia li tinsab 40 kilometru ‘l bogħod minn Tripli.
Jidher li dan iż-żejt kien qed ikun eskortat minn milizzji armati u mgħobbi fuq vapuri lejn Sqallija, iżda qabel kienu jieqfu fl-ibħra Maltin u jgħabbu ż-żejt fuq vapuri ta’ “soċjetà Maltija”. Wara li jaslu Sqallija, dan iż-żejt misruq kien jinbiegħ fl-Italja u f’pajjiżi oħra Ewropej.
Qed ikun allegat li mil-Libja nsterqu iżjed minn 80 miljun kilo ta’ żejt u li l-valur tiegħu jissupera t-€30 miljun.
Jidher li din l-attività kriminali kienet qed titmexxa minn Fahmi Mousa Saleem Ben Khalifa, li l-ġurnal Taljan jiddeskrivih bħala wieħed mill-iżjed mexxejja b’saħħithom tal-milizzji Libjani assoċjati mal-ISIS.
Il-Prokuratur tar-Repubblika ta’ Katanja, Carmelo Zuccaro qal li l-awtoritajiet mhux jeskludu li parti mid-dħul minn dan it-traffikar illegali kien qed imur għand l-Istat Iżlamiku.