Maltija tinħatar Direttur tal-Iskejjel Ewropej

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni ħabbar il-ħatra ta’ Micheline Sciberras bħala d-Direttur tal-Iskejjel Ewropej. L-Iskejjel Ewropej huma istituzzjonijiet edukattivi li tnedew fl-Istati membri fi ħdan l-Unjoni Ewropea bil-għan li jipprovdu lit-tfal edukazzjoni multilingwistika u multikulturali f’livelli ta’ nursery, primarja u sekondarja.

Din hi l-ewwel darba li persuna Maltija ntgħażlet fi ħdan l-irwol importanti. Sciberras, li għandha esperjenza twila fis-settur edukattiv, serviet bħala Direttur tal-Edukazzjoni f’Malta qabel ma kompliet taħdem fis-settur edukattiv ġewwa Brussell.