Maltija tilħaq Direttur mal-WHO

Aġġornat 05:45 PM

Natasha Azzopardi Muscat, tabiba, lecturer fil-mediċina u President tal-Assoċjazzjoni Ewropea tas-Saħħa Pubblika, laħqet Direttur tal-Policies u s-Sistemi tas-Saħħa mal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa fl-Ewropa.

Hija ħabbret dan fuq Facebook ilbieraħ filgħaxija.

Dr Azzopardi Muscat qalet li dan huwa kapitlu ġdid fil-ħajja professjonali tagħha, u tinsab ħerqana ħafna biex taħdem ma’ Hans Kluge, mal-kollegi Ewropej tagħha u networks oħra Maltin u Ewropej f’dan iż-żmien ta’ kriżi.

Hija tispeċjalizza fil-mediċina tas-saħħa pubblika, u tgħallem fil-Fakultà tax-Xjenzi tas-Saħħa fl-Università. Kisbet id-dottorat tagħha fl-2016 mill-Università ta’ Maastricht, b’riċerka fuq l-Ewropeazziazzjoni fuq is-sistemi tas-saħħa, partikolarment fir-rigward ta’ pajjiż żgħar.

Ir-riċerka tagħha kienet ġiet rikonoxxuta mill-WHO, u fl-2017, l-Università ta’ Malta tqieset ċentru ta’ kollaborazzjoni għall-WHO fuq is-sistemi tas-saħħa u l-policies fil-pajjiżi ż-żgħar.

Bejn l-2001 u l-2013, Dr Azzopardi Muscat okkupat diversi karigi fil-Ministeru tas-Saħħa, fosthom ta’ Kap Mediku Eżekuttiv. Bħalissa tokkupa l-kariga ta’ Konsulent tal-Mediċina tas-Saħħa Pubblika fid-Direttorat tal-Informazzjoni u r-Riċerka fuq is-Saħħa. Ilha President tal-Assoċjazzjoni Ewropea tas-Saħħa Pubblika mill-2016.

Il-PN jifraħ lil Natasha Azzopardi Muscat “għall-kariga prestiġjuża fil-WHO

Il-Partit Nazzjonalista feraħ lil Dr Azzopardi Muscat.

Fi stqarrija l-PN qal li jemmen li bla dubju dan huwa kapitlu importanti fil-ħajja professjonali tagħha fejn se tkun ukoll qed tagħmel isem għal Malta fil-qasam mediku dinji, partikolarment f’dan iż-żmien tal-pandemija tal-Covid-19.