Maltija ta’ 19-il sena tirriżulta pożittiva għall-Coronavirus

Miguela Xuereb

Tfajla Maltija ta’ 19-il sena rriżultat pożittiva għal Covid-19. B’hekk telgħu għal 13, il-persuni li rriżultaw pożittivi filwaqt li mara minnhom ġiet iċċertifikata mfejqa llum.

Il-Gvern fi stqarrija qal li dan huwa każ ieħor ta’ Coronavirus impurtat lejn Malta peress li t-tfajla vvjaġġat lejn Brussell bejn l-4 u t-8 ta’ Marzu. It-tfajla ħasset l-ewwel sintomi tagħha, nhar l-Erbgħa, 11 ta’ Marzu.

Il-kundizzjoni tat-tfajla hija waħda tajba.

Intant, aktar kmieni llum tħabbar li fieqet l-omm tal-familja li kienet irriżultat pożittiv għal Coronavirus fl-ewwel każ ta’ pajjiżna nhar is-Sibt li għadda.

L-awtoritajiet tas-saħħa kkonfermaw li l-mara rriżultat negattiv darbtejn f’testijiet li saru 24 siegħa ‘l bogħod minn xulxin. Għalhekk, skont il-linji gwida stabbiliti, din il-mara titqies li fieqet mill-Coronavirus.

Il-mara ħarġet mill-Isptar Mater Dei u qed tinżamm kwarantina fid-dar tagħha għal ftit jiem oħra bħala prekawzjoni sabiex l-awtoritajiet tas-saħħa jkomplu jsegwu s-sitwazzjoni.

Jibqa’ l-appell biex kulħadd isegwi d-direzzjonijiet li qed jingħataw mill-Gvern u l-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa, fost oħrajn biex tkun rispettata l-kwarantina mandatorja kif imħabbra, ma jsirux attivitajiet tal-massa u safar bla bżonn, u li l-anzjani kemm jista jkun jibqgħu fi djarhom.

Il-Prim Ministru llejla ħabbar li għada mistennija jiġu ppubblikati d-dettalji ta’ inċentivi għan-negozji.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn