Malti ta’ 14-il sena b’messaġġ għall-iżviluppaturi

Iż-żagħżugħ ta’ 14-il sena, Bradley Cachia uża l-poeżija biex  juri d-diżapprovazzjoni tiegħu lejn ir-riżultat li qed iġib miegħu l-iżvilupp f’Malta.

L-għan ta’ Cachia huwa li apparti li jwassal il-messaġġ tiegħu jħeġġeġ żgħażagħ oħra bħalu jitkellmu dwar dan is-suġġett.

Il-poeżija hija maqsuma f’ħames strofi. Fihom jitkellem fuq kif l-iżvilupp f’Malta qed joqtol in-natura biex jitilgħu binjiet twal li jippruvaw jilħqu s-snewwiet. Il-poeżija tagħlaq billi twissi lill-iżviluppaturi li dan il-qtil se jibqgħu jġorruh fuq il-kuxjenza tagħhom.

Qaċċtu, qaċċtu.
Tellgħu blokka, tellgħu tnejn.
U mill-flus li tagħmel minnhom,
Siġra nieqsa mhux nieqs’ għalxejn.

Tellgħu, tellgħu.
Pruvaw ilħqu s-smewwiet.
U x’ħin tkunu hemm fuq araw naqra,
Kemm dil-gżira rat bidliet.

Ikru, ikru.
Daħħlu sold u żewg xelini.
Iċċelebraw, ixorbu w’ kulu,
B’ikla tajba u xi grokk ‘Martini’.

Oqtlu, oqtlu.
Tħallux ħdura,
Tħallux traċċa ta’ natura.

Mutu, mutu.
Ħudu l-flus magħkom.
Żommu dal-qtil fuq il-kuxjenza tagħkom.

– Bradley Cachia