Malti se jmexxi wieħed mill-ikbar sptarijiet fl-Istati Uniti

It-tabib Malti Gianrico Farrugia ġie elett bħala Kap Eżekuttiv u President ta’ Mayo Clinic, li hu sptar ikkunsidrat bħala wieħed mill-aħjar fl-Istati Uniti. Dan l-isptar jara daqs 1.3 milljun pazjent mill-50 stat tal-Amerka u minn daqs 140 pajjiż, kull sena.

“Ninsab onorat li ġejt elett biex nokkupa din il-kariga ta’ Kap Eżekuttiv ta’ Mayo Clinic, għax nemmen li n-nies tagħna jibdlu ħajjet il-pazjenti tagħna. Ninsab ħerqan biex nibni fuq ix-xogħol li għamel John Noseworthy qabli”, kiteb fuq Twitter.

Ta’ qablu, Noseworthy, ukoll kiteb fuq Twitter jawguralu fuq xogħolu, u saħaq li huwa mexxej b’viżjoni sabiħa u ta’ vera.

Farrugia ilu jaħdem bħala tabib mediku f’Mayo Clinic għal dawn l-aħħar tletin sena. Huwa serva bħala viċi president u saħansitra serva bħala Kap Eżekuttiv tal-Kampus ta’ Mayo Clinic fi Florida fl-2015. Huwa professur fil-mediċina u l-fiżjoloġija, kif ukoll jgħallem inġinerija bijomedika fl-Università tal-inġinerija bijomedika tal-Mayo Clinic.

Il-Prim Ministru ta’ Malta Joseph Muscat ukoll awguralu l-ħidma t-tajba.