Malti kkonfermat bħala s-sitt każ tal-coronavirus

Miguela Xuereb

Għadu kemm ġie kkonfermat is-sitt każ tal-coronavirus f’Malta. Din id-darba huwa Malti. Dan ġie kkonfermat fi stqarrijja mill-Ministeru għas-Saħħa.

Sal-bieraħ f’Malta kien hawn żewġ familji bi tliet u żewġ membri rispettivament li rriżultaw pożittiv għal COVID-19, dalgħodu ġie ikkonfermat każ ieħor.

Fl-istqarrija ġie spjegat li r-raġel Malti ttestja pożittiv għal coronavirus, li ttieħed waqt li fl-aħħar jiem kien fuq btala fin-naħa ta’ fuq tal-Italja. Għalhekk, bħal każijiet preċedenti, il-virus ġie impurtat mill-Italja.

Ir-raġel jinsab f’kundizzjoni ta’ saħħa tajba.

Il-Ministeru sostna li minn mindu rritorna Malta, ir-raġel segwa l-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa billi baqa’ fi kwarantina u ma marx għax-xogħol.

Il-Gvern reġa’ jappella għall-kalma u responsabbilità għaliex m’hemm ebda lok għall-allarm jew paniku f’pajjiżna. Qal li dan hekk kif dan il-każ jindika wkoll li dan ir-raġel ġie infettata waqt li kien l-Italja.

Intant, tħabbret konferenza tal-aħbarijiet oħra mmexxija mill-Professur Charmaine Gauci, is-Superintendent għas-Saħħa Pubblika.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn