Malti jmut bil-coronavirus fl-Ingilterra

Facebook

Salvu Garcia huwa Malti ieħor li miet fl-Ingilterra bil-marda qerrieda tal-coronavirus.

Huwa kellu 71 sena u kien ilu jgħix l-Ingilterra għal madwar 40 sena.

Qraba tiegħu kitbu fuq Facebook kemm iddispjaċiehom bil-mewt ta’ qaribhom, speċjalment għax fl-aħħar xhur ma setgħux iżuruh minħabba l-imxija tal-coronavirus. Qalu li mhuwiex faċli li ma setgħux jarawh darba tal-aħħar.

Fil-bidu ta’ dan ix-xahar, issemmew żewġ Maltin oħra li mietu bil-coronavirus fl-Ingilterra. Dawn kienu Rosalie Freestone-Bayes, ta’ 77 sena, li tiġi oħt it-tabib Frank Portelli, u mara oħra ta’ 66 sena li kienet toqgħod Londra wkoll u kienet ħabiba ta’ Rosalie.

Illum f’Malta tħabbru tmien każijiet ġodda tal-coronavirus, ħamsa minnhom ġoċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far. 17-il persuna oħra fiequ mill-virus, biex b’hekk issa hawn 151 każ attiv tal-Covid-19.

S’issa f’Malta tilfu ħajjithom erba’ persuni bil-coronavirus. Kollha kellhom kundizzjonijiet oħrajn apparti l-virus.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn