Malti jirbaħ premju għall-aqwa vuċi f’konkors internazzjonali

Miguel Bonello, ta’ 12-il sena mir-Rabat, rebaħ il-premju “Grand Prix” f’konkors internazzjonali tal-kant fil-Finlandja.
Il-premju “Grand Prix” jingħata lill-kantant li jkun meqjus l-aqwa fl-erba’ kategoriji ta’ etajiet differenti, minn 7 snin sa adulti fosthom dawk ta’ 50 sena.
Bonello ħa sehem fil-festival “Northern Lights” fil-Finlandja wara li rebaħ il-konkors lokali “Raise Your Voice” organizzat minn Erseb Productions. Fil-Finlandja ħadu sehem kantanti minn tmien pajjiżi Ewropej.
F’isem Malta ħadu sehem ukoll il-kantanti Giorgia Helen Borg, Eila Mangion, Mardy Farrugia u Michela Dalli li lkoll ikklassifikaw fl-ewwel post fil-kategoriji tagħhom. Miguel Bonello ppreżenta ż-żewġ kanzunetti “Grande Amore” ta’ Il Volo u “Vincerò” ta’ Fredrik Kempe.
Miguel jitħarreġ professjonalment minn Gillian Attard u s-surmast Joseph Chircop minn La Voix Academy.