Malti jindarab fi splużjoni fil-Libja

Wieħed mill-156 passiġġier li lbieraħ waslu Malta mil-Libja, kien Malti li ndarab fi splużjoni li seħħet qrib ir-residenza tiegħu fil-Libja stess.
Fil-kummenti tiegħu lill-midja dwar is-sitwazzjoni fil-Libja, is-Segretarju Permanenti Ewlieni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Mario Cutajar, qal li l-Malti wasal Malta fuq titjira kummerċjali tal-Libyan Airlines ilbieraħ filgħaxija u ttieħed għall-kura fl-Isptar Mater Dei minħabba ksur f’saqajh. Il-pazjent Malti llum intbagħat id-dar.
Sadanittant, Newsbook.com.mt huwa infurmat li llum wara nofsinhar, waslu Malta 60 passiġġier ieħor mill-ajruport ta’ Mitiga fil-Libja fuq ajruplan tal-Petro Air.  Fost dawn hu mifhum li kien hemm xi Maltin.
Mhux eskluż li llejla jaslu 40 passiġġier ieħor abbord ajruplan tal-Libyan Airlines.
Dwar l-ajruplan-ambulanza li kellu jinżel Malta għal ħabta tat-2.45pm, is-Segretarju Permanenti qal li mistenni jasal aktar tard illum wara li jħalli l-ajruport ta’ Misurata. Abbord l-ajruplan-ambulanza jista’ jkun hemm żewġ pazjenti.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni qal ukoll li l-maġġoranza tal-passiġġieri li waslu fuq titjira kummerċjali lbieraħ filgħaxija kienu Filippini.
Semma wkoll li fis-sigħat jew fil-jiem li ġejjin, mistennija jaslu Malta bil-baħar mijiet ta’ Ċiniżi li ħallew il-Libja fuq vapur.
Dwar jekk il-Gvern għandux pjan ta’ evakwazzjoni, Mario Cutajar sostna li l-pjanijiet ta’ evakwazzjoni huma lesti, iżda l-Gvern bħalissa mhux qed jagħti parir li n-nies jitilqu mill-pajjiż. Spjega kif s’issa l-ebda pajjiż ma ddikjara evakwazzjoni ċara.
Mario Cutajar qal li dwar Martin Galea, l-awtoritajiet għadhom qed jitkellmu miegħu, u qabel ma jkollu stampa ċara ta’ x’ġara, il-Gvern mhux se jagħti dettalji dwaru. Żied jgħid li l-importanti hu li Martin jinsab Malta qawwi u sħiħ.
Spjega kif dawk li kienu qed iżommu lil Martin tawh indikazzjonijiet differenti dwar mil-liema grupp kienu ġejjin. Qal li mhux ċar x’ġara fil-każ ta’ Martin Galea, u għalhekk m’hemmx ċertezza li Galea nħataf. Sostna li l-kelma ‘ħtif’ intużat mill-midja u li l-ħidma tal-Gvern kienet kif se jġib lil Martin Malta.