Malti jibqa’ fil-quċċata wara 5 rawnds mill-kampjonat Ingliż Time Attack

Josef Calleja jibqa’ fil-quċċata tal-klassifika tal-kampjonat wara ħames rawnds tal-kampjonat tat-tlielaq tal-karozzi fl-Ingilterra, Time Attack.
Ġewwa Oulton Park Calleja saq is-Subaru Impreza u kiser ir-rekord tat-trakka meta għamel ħin ta’ minuta u 29 sekonda.
Dan ifisser 2 sekondi aħjar mir-rekord li kien ilu ma jinkiser mill-2008.
Calleja spiċċa dan ir-rawnd fl-ewwel post u b’hekk żamm l-ewwel post tal-kampjonat. Calleja mistenni jerġa’ jkun impenjat fis-sitt rawnd ġewwa Croft Racing Circuit fit-2 u t-3 ta’ Settembru li ġej.
Fi tmiemu t-tielet rawnd tal-kampjonat f’Malta
U f’Malta ġie fi tmiemu t-tielet rawnd tal-kampjonat tal-Kwart ta’ Mil ġewwa t-trakka tal-Assoċjazzjoni Maltija tad-Drag Racing.
Dan ir-rawnd jibqa’ jissemma għax inkiser rekord mondjali minn sewwieq Grieg bil-Mitsubishi Evolution.
Huwa rreġistra ħin ta’ 7.884 sekondi.
Rekord ieħor kien dak ta Justin Muscat meta għamel rekord Ewropew permezz tal-Escort b’Rotary engine bl-isem ta’ Terminator meta saq id-distanza f-7.18 sekondi b’veloċità ta’ 192 mil fis-siegħa.
Sewwieqa oħra li kellhom tmiem il-ġimgħa tajjeb f’Ħal Far kien Luca Mangion li rebaħ il-klassi Junior Dragster, Mark Farrugia rebaħ il-bracket ta’ bejn 8.00 – 8.49 sekondi, Clint Catania rebaħ il-klassi Open 3, Ryan Cassar u Frankie Ellul rebħu l-klassi Escort Class 2 u 3 rispettivament, filwaqt li Chris Gauci rebaħ il-klassi Open Front Wheel Drive.
Ryan Scerri rebaħ il-klassi 4 cylinder Nitro waqt li Reuben Scicluna rebaħ il-klassi D4 permezz tad-dragster tiegħu. Il-Grieg regolari f’Ħal Far Savvas rebaħ il-klassi open tal-muturi.
Il-klassi Open 1 class u Open 2 ntrebħu minn Justin Mizzi u Justin Muscat rispettivament.
Ir-raba’ rawnd tal-kampjonat se jittella’ bejn nhar il-Ġimgħa 22 u l-Ħadd 24 ta’ Settembru.