Malti jgħum 70 km f’inqas minn 22 siegħa

 

Iż-żagħżugħ Neil Agius għum madwar 70km madwar Malta f’inqas minn 22 siegħa. L-għawma bdiet ilbieraħ filgħaxija u flimkien maż-żagħżugħ kien hemm żewġ żgħażagħ oħra, Richard Zerafa u Gilbert Bartolo. Iżda dawn waqfu qabel. Zerafa waqaf minħabba ugigħ fi spalltu iżda xorta waħda għam 45 kilometru fl-aħħar sigħat.

Bartolo waqaf għall-ħabta tat-3.30pm minħabba li kien għejja minħabba l-kurrent tal-baħar. Għall-ħabta tal-10am id-direzzjoni tal-kurrent inbidlet.

L-għawma kienet tikkonsisti f’dawra ma’ Malta, bit-tliet ġuvintur jgħumu wkoll bil-lejl u jieqfu kull nofsiegħa biex jixorbu u jieklu ftit ikel.

Din l-għawma kienet parti minn kampanja biex tqajjem kuxjenza biex l-ibħra ta’ madwar Malta jkunu iktar nodfa.

It-tliet żgħażagħ riedu jqajmu kuxjenza dwar il-volum ta’ plastik li jiġi ġġenerat u l-impatt negattiv li dan iħalli fuq l-ambjent.

L-għawma madwar Malta kellha l-għan li tqajjem tliet aspetti; dak ambjentali, dak tas-saħħa u l-isport u dak tat-turiżmu sostenibbli.

Bħala parti minn din il-kampanja saru diversi clean ups b’kollaborazzjoni ma’ għaqdiet mhux governattivi bħal Flimkien għal Ambjent Aħjar, Żibel u Din l-Art Ħelwa.