Malti investigat wara telefonata fuq Skype ma’ ‘tfajla’ minorenni

Żagħżugħ ta’ 26 sena minn Ħaż-Żebbuġ qed jiġi nvestigat mill-Pulizija wara li nqabad jieħu sehem f’telefonata fuq Skype bl-iskop li jara tfajla ta’ 13-il sena għarwiena.
Ilbieraħ filgħaxija ttella’ filmat fuq il-paġna “Mr Technical Difficult” fuq Facebook li juri numru ta’ rġiel li kienu mingħalihom qed jitkellmu ma’ tfajla ta’ 13-il sena meta fil-verità kienu qed jitkellmu ma’ grupp ta’ rġiel oħra li kienu qed jagħmlu eżerċizzju.
Wieħed minn dawn l-irġiel hu żagħżugħ Malti ta’ 26 sena minn Ħaż-Żebbuġ.
Dan il-filmat, li s'issa rawh aktar minn 400,000 ruħ, sar bil-għan li jinqabdu l-predaturi sesswali fuq l-internet.
It-telefonati mal-irġiel bdew jinqatgħu ħesrem hekk kif jindunaw li fil-verità ma kienux qed jitkellmu ma' tfajla ta’ 13-il sena.
It-taqsima tas-Cyber Crime u l-Vice Squad qed jinvestigaw dan il-każ.