Malti fl-Indja bit-tajr

Thomas Abdilla mill-Ħamrun irrappreżenta lil Malta waqt il-31 Festival Internazzjonali tat-Tajr li sar fl-Istat ta’ Gujarat fl-Indja bejn is-7 u l-14 ta’ Jannar   2020. Abdilla tella’ miegħu numru ta’ tajr li kienu kollha  fuq disinn tiegħu u ħadimhom huwa stess u li wħud minnhom kienu jirrapprezentaw u dekorati b’temi Maltin.

 “Tellajt miegħi żewġ tajriet b’disinn tal-luzzu Malti u waħda minnhom ittajret  fl-ajru minn Ministru tal-Istat ta’ Gujurat meta konna Rajkot,” irrakkonta Thomas  Abdilla. “Dan kien ta’ sodisfazzjon kbir għalija f’isem Malta u dak il-ħin stħajjiltli qisni kont l-ambaxxatur ta’ Malta għal dik l-okkażjoni.”

B’hekk inżamm isem Malta fil-għoli fost  il -150 parteċipant  li ħadu sehem minn   50 pajjiż f’dan il-festival.

Thomas Abdilla qal li l-festival mar tajjeb ħafna u baqa’ impressjonat mhux biss bl-għadd kbir ta’ pajjiżi parteċipanti, iżda wkoll bl-attendenza numeruża ta’ spettaturi  li kien hemm waqt it-titjir tat-tajr.

Il-festival inżamm f’seba’ lokalitajiet differenti tal-Istat ta’ Gujarat  bil-parteċipanti jinqasmu fi tlett gruppi sabiex  jilħqu lill-eluf ta’ dilettanti tat-tajr li hemm f’dan l-Istat.   Matul dan  il-festival Thomas Abdilla kellu stand għalih  b’isem Malta, bħalma kellhom il-pajjiżi l-oħra kollha  li pparteċipaw waqt dan il-festival, f’kull lokalità li zaru.    Il-partecipanti kienu jivvjaġġaw mas-sitt sigħat kuljum peress li l-lokalitajiet kienu mbegħdin ħafna minn wieħed għall-ieħor u fejn l-itwal distanza kienet ta’ 310 kilometru, madwar 9 sighat sewqan.

Il-Gvernatur ta’ Gujarat, Acharya Devvrat u Viay Rupani inawgura l-ispettaklu f’ River Front f’Ahmedabad fil-preżenza ta’ rappreżentanti tal-Gvern Indjan minn diversi reġjuni ta’ dan is-subkontinent. Rupani saħaq li dawn il-festivals jippromwovu t-turiżmu u jesponu  l-kultura ta’ din il-parti tal-Indja.

Is-sehem tal-Malti fil-festival intlaqa’ tajjeb mill-organizzaturi ta’ dan il Festival tat-Tajr u dan jawgura tajjeb  li,  aktar ’il quddiem, Thomas Abdilla jaf jerġa’ jmur  biex jieħu sehem f’festivals oħra simili.