Malti Awstraljan se jkollu jħalli familtu u jiġi Malta… minħabba d-droga

Malti li għex fl-Awstralja minn meta kellu tliet snin, mistenni jiġi deportat lejn Malta, wara li ma ġeddewlux il-viża minħabba li kien instab ħati bi traffikar tad-droga.
John Falzon ta’ 61 sena, skonta sentenza ta’ tmien snin ħabs għar-reati li nstab ħati għalihom. Madanakollu l-Qorti tal-Appell ikkonfermat id-deċiżjoni tagħha u rrifjutat li terġa’ tagħmillu viża, li tneħħietlu fi tmiem is-sentenza.
Falzon, qatt ma kiseb ċittadinanza Awstraljana u bħalissa huwa qed jinżamm f’ċentru ta’ detenzjoni għall-immigranti fi Christmas Island.
Il-familja ta’ John Falzon għamlet kampanji fuq il-midja soċjali, fejn saħqet li d-deportazzjoni hija att kiefer għal raġel li ma jaf lil ħadd f’Malta, u li se jiġi mġiegħel jabbanduna l-familja tiegħu fl-Awstralja.
Fil-Qorti, Falzon argumenta li hu patta għal għemilu, u li jitkeċċa mill-Awstralja huwa attentat biex jiġi kkastigat iktar.
Iżda l-Qorti qalet li l-ministru tal-immigrazzjoni kellu raġun iħassar il-viża, għax fi kliemha r-raġel falla t-test minħabba rekord kriminali.
Il-familja tar-raġel fl-Awstralja tinkludi, sitt aħwa, erbat itfal u 10 neputijiet.