Malti arrestat fi Sqallija; kellu aktar minn 200 kilo kannabis

Malti ta’ 32 sena ġie arrestat wara ħidma tal-Guardia di Finanza ta’ Ragusa, li wasslet għal sekwestru ta’ 231 kilogramma kannabis.

Hu twaqqaf waqt li kien fuq trailer fi triqtu lejn Malta minn Pozzallo. Skont il-ġurnal, il-każ seħħ bejn il-lejl tat-Tlieta u l-Erbgħa, bir-raġel ikun xufier ta’ trailers Maltin.

Skont il-Gazzetta Del Sud, kienu żewġt iklieb tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga Taljana li ġibdu l-attenzjoni tal-każ. Ġie spjegat li r-raġel ittieħed mill-ewwel il-ħabs, filwaqt li d-droga kollha ġiet ikkonfiskata.