Maltemp qawwi bejn it-Tnejn u l-Erbgħa minħabba urugan

Il-Mediterran se jintlaqat minn urugan u dan mistenni li joħloq riħ u xita fil-gżejjer Maltin fil-bidu tal-ġimgħa d-dieħla.

Skont siti ta’ rapport tat-temp Maltin u Taljani, sistema intensa ta’ pressjoni baxxa se tintensifika u se tikkawża urugan fil-Baħar Mediterran. Iċ-ċentru ta’ din is-sistema se jgħaddi lejn il-Majjistral tal-gżejjer Maltin. Din il-pressjoni se tolqot lil Malta bejn it-Tnejn u l-Erbgħa li ġejjin fejn l-iktar xita qawwija hija mistennija bejn it-Tnejn u t-Tlieta.

Ir-riħ se jkun qawwi wkoll l-iktar bejn it-Tlieta tard filgħaxija u l-Erbgħa kmieni waranofsinhar. Ir-riħ se jkun mil-Lbiċ għall-Punent u se jilħaq Forza 8 u 9 kultant. Matul l-ewwel tlett ijiem tal-ġimgħa d-dieħla t-temperatura medja se tinżel ukoll fejn matul il-ġurnata tista’ tmiss il-15-il grad waqt li filgħaxja tista’ tinżel sa 10 gradi.

Intant skont l-uffiċċju metereoloġiku tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, illum huma mistennija wkoll xita u riħ fuq il-gżejjer Maltin. Din it-twissija hija valida sas-6pm.