Aġġornata: Maltemp fl-Ewropa jaffettwa titjiriet tal-Air Malta

Il-linja tal-ajru Air Malta qalet li qed jittardjaw titjiriet minħabba maltemp li hemm madwar l-Ewropa.

Fi stqarrija, l-Air Malta qalet li l-maġġoranza tat-titjiriet tagħha qed jittardjaw minħabba t-temp ħażin li wassal għal restrizzjonijiet fl-Air Traffic Control.

L-Air Malta qalet ukoll li qed taffaċċja azzjoni industrijali mill-Operations Controllers b’rabta ma’ żieda fil-ftehim kollettiv. Spjegat li hemm diżgwid bejn żewġ unjins. It-Tribunal Industrijali se jkun qed jiddeċiedi dwar jekk l-Operations Controllers jistgħux jitqiesu bħala bargaining unit separata.

L-Air Malta qalet li diġà qed tuża’ s-servizzi ta’ kuntrattur biex tkun tista’ tkompli taħdem.

Illum aktar minn 200 titjira ġew kanċellati wara li diversi terminals fl-ajruport ta’ Munich fil-Ġermanja qed jiġu magħluqa llum minħabba theddida tas-sigurtà fl-ajruport. Għalkemm titjiriet Maltin ma ġewx kanċellati, madanakollu xorta ġew affetwati.

Aktar kmieni dan ix-xahar, 15-il titjira tal-Air Malta ttardjaw f’perjodu ta’ 24 siegħa.

Stqarrija tal-GWU

Fi stqarrija, il-General Workers’ Union (GWU) appellat biex fil-kwistjoni li nqalgħet bejn l-Air Malta u l-AAOC jipprevali s-sens komun u permezz tiegħu t-Tribunal Industrijali jingħata l-ispazju kollu meħtieġ biex jisma’ u jiddeċiedi fuq din il-kwistjoni.

Il-GWU qalet li l-miżuri li ħadet waqt in-negozjati tal-ftehim kolletiv saru bil-għan li tħares l-interessi tal-imsieħba tagħha. Il-GWU ddeċidiet li l-benefiċċji u l-kundizzjonijiet tal-Operations Controlers jitħallew ikunu negozjati mill-unjin li jkollha r-rikonoxximent li tagħmel dan wara d-deċiżjoni finali tat-Tribunal Industrijali.