MaltaToday, Bis-Serjetà, Simon Mercieca akkużati b’disprezz tal-qorti

Luke Zerafa

Read in English.

Il-Maġistrat Rachel Montebello ordnat li jinfetħu tlett proċeduri differenti fuq disprezz tal-qorti b’relazzjoni mal-kumpilazzjoni ta’ evidenza kontra Yorgen Fenech, li hu akkużat ta’ kompliċità fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Nhar is-Sibt, MaltaToday ikkonfermat li l-editur eżekuttiv Matthew Vella, l-assistent editur Karl Azzopardi u d-direttur eżekuttiv Saviour Balzan se jitressqu l-Qorti wara li rrapurtaw fuq reġistrazzjonijiet li kien għamel Melvin Theuma, is-sensar tal-assassinju li rċieva maħfra presidenzjali biex jixhed. Is-selezzjoni ta’ reġistrazzjonijiet kienu ġew imtellgħin b’mod anonimu fuq is-sit reddit.com.

Id-Direttur tal-Qrati nsista li MaltaToday ippublikat ir-reġistrazzjonijiet b’kontravenzjoni ta’ ordni li ħarġet il-Qorti f’Jannar tal-2020. Il-Maġistrat Montebello kienet iddeskriviet il-ħruġ tar-reġistrazzjonijiet bħala ksur sfaċċat tal-ordnijiet tal-qrati, u bħala każ ċar ta’ disprezz tal-qorti, u b’hekk ordnat li jittieħdu passi kontra min kien responsabbli.

L-akkademiku Simon Mercieca se jitressaq separatament wara li ppubblika r-reġistrazzjonijiet fuq il-paġna tiegħu fuq Facebook. Mercieca kien insista li Newsbook.com.mt wkoll se tiġi mressqa fuq disprezz tal-Qorti, però dan mhux il-każ.

Il-pubblikatur tas-sit satiriku Bis-Serjetà, min-naħa l-ohra, se jitressaq il-qorti għal raġunijiet oħrajn: iddeskriva l-avukati ta’ Fenech bħala “avukati tal-Mafia.”

Il-paġna ta’ Facebook tas-sit satiriku tellgħet meme bil-kliem “Il-gvern iħeġġeg lin-nies biex ma jkunux psataż mal-avukati tal-Mafia,” b’ritratti ta’ 4 avukati ta’ Fenech.

Il-meme telgħet wara li l-Ministeru għall-Edukazzjoni talab għar-riżenja taċ-chairperson tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Mark Camilleri, talba li saret wara argument jaħraq li Camilleri kellu mal-avukata Juliette Galea.

Fl-argument, Galea insistiet li Camilleri kellu jitkeċċa, u l-Ministeru mexa fuq kliemha – iżda s-sejħa għar-riżenja ġiet irtirata wara li nqalgħet kontroversja kbira.