MaltaPost immultata iktar minn €10,000 talli wasslet il-posta tard

Ian Noel Pace

Read in English.

MaltaPost ġiet immultata iktar minn €10,000 talli damet biex wasslet il-posta lokali.

L-Awtorità Maltija għall-Komunikazzjoni (MCA) immultat lill-Maltapost plc €10,159 talli damet biex wasslet il-posta lokali. Fi stqarrija l-MCA qalet li MaltaPost hu mitlub minnha li lokalment twassal 95% tal-posta lokali l-ġurnata ta’ wara, inkluż ittri kif ukoll pakketti kbar (bulk packages).

Skont l-MCA bejn Ottubru tal-2018 u Settembru tal-2019 MaltaPost irnexxielha twassal fil-ħin 95.38% tal-pakketti kbar (bulk packages), filwaqt li rnexxielha twassal biss 93.21% tal-ittri fil-ħin. Dawn iċ-ċifri ħarġu minn rapport dwar il-kwalità tas-servizz li MaltaPost hi obbligata tagħmel.

L-MCA temmet tgħid li filwaqt li hi kommessa li tara li l-kwalità tas-servizz tal-posta jkun wieħed tajjeb, il-flus tal-multa mħallsa mill-MaltaPost se jmorru fil-Kaxxa ta’ Malta.