Malta żgħira wisq biex iġġorr il-piż tal-immigrazzjoni – Delia

PN

Read in English.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li Malta hi żgħira wisq biex iġġorr il-piż tal-immigrazzjoni rregolari.

Delia qal dan waqt intervista li saritlu fuq l-istazzjon tar-radju tal-partit tiegħu llum filgħodu.

Tkellem dwar l-immigrazzjoni rregolari u qal li l-PN irid ikun uman ma’ min hu dgħajjef u b’saħħtu ma’ min qed jabbuża.

“Filwaqt li l-protezzjoni tal-ħajja tibqa’ prinċipju sagru, irridu ninsistu fuq tqassim ġust ta’ persuni u soluzzjonijiet oħra għax Malta żgħira wisq biex iġġorr dan il-piż,” qal Delia.

Tkellem dwar l-irvelli f’Ħal Far u qal li l-Oppożizzjoni għamlet ħafna mistoqsijiet li baqgħu bla tweġibiet.

“Il-poplu nkwetat kien u għadu. Il-Gvern ma jistax jibqa jaħbi l-verità mill-poplu,” qal Adrian Delia.

Skont Delia, il-bniedem, irrelevanti mill-kulur tal-ġilda tiegħu jew min fejn ġej, jibqa’ bniedem li jrid jingħata dinjità.

Akkuża lill-Gvern li qiegħed iġelled l-ħaddiema Maltin ma’ dawk barranin minħabba s-sistema ekonomika li qiegħed iħaddem. Saħaq li l-familji Maltin spiċċaw iridu jikkompetu ma’ gruppi ħafna akbar ta’ barranin li qed joħonqu s-suq tal- kera’.

Delia tkellem ukoll dwar kif l-edukazzjoni hija mezz ewlieni fil-ġlieda kontra l-faqar. Qal li ingredjent għas-suċċess ta’ dan is-settur huma l-għalliema li skont il-Kap Nazzjonalista, il-Gvern injora għal kollox.

“Kurt Farrugia, li sa ftit ilu kien il-PRO tal-Prim Ministru illum qed jingħata pakkett oħxon ta’ Ewro 180,000 fis-sena bħala CEO tal-Malta Enterprise. Farrugia sinjur żgħir – jaqla’ daqs disa’ għalliema f’daqqa,” qal Delia.

Kurt Farrugia jinħatar CEO ta’ Malta Enterprise; Carbone floku f’Kastilja