Akkomodazzjoni u sapport psikoloġiku għall-vittmi ta’ traffikar uman

F’Malta flimkien mal-bqija tad-dinja ġie mfakkar il-jum iddedikat għall-vittmi tat-traffikar uman. F’Malta dan sar permezz ta’ konferenza mtellgħa mill-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS), li saret fil-Belt Valletta.

Tul din il-konferenza spikkaw l-interventi ta’ diversi professjonisti barranin li jaħdmu mill-viċin ma’ każijiet ta’ traffikar uman. Waqt il-konferenza tkellem ukoll il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzont kellem dwar ix-xogħol li twettaq l-Aġenzija Appoġġ, fejn mhux biss tipprovdi akkomodazzjoni għall-vittmi, iżda tagħti sapport psikoloġiku u anke għajnuna diretta lill-vittmi.

Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela ħabbar li Malta ikkomunikat mal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar id-Drogi u l-Kriminalità, bl-intenzjoni li tissieħeb mal-kampanja Blue Heart li għandha l-għan li tqajjem għarfien fuq il-ġlieda kontra t-traffikar tal-persuni u l-impatt fuq is-soċjetà.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia saħaq li l-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali adotta numru ta’ inizjattivi li joffru servizzi ta’ assistenza lill-vittmi u persuni konċernati. Il-ministeru wkoll jikkordina u jorganizza taħriġ lil numru ta’ uffiċjali fi ħdan il-ministeru sabiex ikunu mħarrġa iktar fuq is-suġġett.

Il-Ministru għas-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia qal li l-Victims Unit fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, apparti li tassisti l-vittmi, tidderiġihom lejn entitajiet oħra kif ikun meħtieġ.

Fl-indirizz tagħha is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza Julia Farrugia Portelli semmiet numru ta’ proposti maħsuba biex isaħħu l-ġlieda ta’ Malta kontra t-traffikar uman. Hi saħqet li jridu jissaħħu l-multi-agency approach bejn l-entitajiet ikkonċernati biex il-vittmi jingħataw l-aħjar ħarsien possibbli filwaqt li tiġi miġġielda l-ġlieda kontra t-traffikanti.