Malta wieħed mis-17-il pajjiż b’cyberattack mill-Korea ta’ Fuq

Read in English.

ABC News irrapporta li esperti tan-Nazzjonijiet Magħquda qed jinvestigaw tal-inqas 35 darba li 17-il pajjiż spiċċa vittma ta’ attakk ċibernetiku (cyberattack) tal-Korea ta’ Fuq sabiex jiġbru l-flus għal taħriġ dwar armi. Wieħed minn dawn il-pajjiżi kien Malta.

L-aġenzija tal-aħbarijiet Awstraljana qalet li 13-il pajjiż kellhom attakk darba, u dawn kienu Malta, il-Costa Rica, il-Gambja, il-Gwatemala, il-Kuwajt, il-Liberja, il-Malasja, in-Niġerja, il-Polonja, is-Slovenja, l-Afrika t’Isfel, it-Tuneżija u l-Vjetnam. Il-Korea t’Isfel sofriet l-iżjed minn dawn l-attakki, b’10 b’kollox. Imbagħad kien hemm l-Indja bi tliet attakki, u l-Bangladexx u ċ-Ċilì bi tnejn kull wieħed.

Il-ġimgħa li għaddiet, l-Associated Press ikkwotat taqsira minn rapport tal-esperti li jgħid li l-Korea ta’ Fuq illegalment kisbet $2 biljun minn attivitajiet online kontra l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-iskambji tal-cryptocurrency.

Kif saru dawn is-cyberattacks? 

Ir-rapport ta’ ABC News jgħid li hemm tliet modi kif isiru dawn is-cyberattack. L-ewwel mod huwa billi tintuża s-sistema tas-Soċjetà għat-Telekomunikazzjoni Finanzjarja Interbankarja Madwar id-Dinja (SWIFT) sabiex jiġu trasferiti l-flus bejn il-banek, billi jintużaw il-kompjuters tal-impjegati biex jintbagħtu messaġġi ta’ frodi u mbagħad iħassru l-evidenza. Inkella, jaf tinsteraq xi cryptocurrency b’attakki fuq l-iskambji u l-utenti, jew billi tintuża l-cryptocurrency bħala sors ta’ fondi għall-fergħa professjonali tal-militar.

L-esperti qalu li fiċ-Ċilì dawk li ħħekkjaw użaw LinkedIn biex joffru xogħol lill-impjegat tan-network Redbanc, li jorbot l-ATMs tal-banek kollha fil-pajjiż.