Malta u Slovakkja jaqblu fuq temi prinċipali Ewropej

Id-Deputat Prim Ministru Louis Grech u s-Segretarju tal-Istat Slovakk Ivan Korčok iddiskutew it-temi li qed jaħdmu fuqhom għall-Presidenzi tal-Unjoni Ewropea rispettivi tagħhom biex iċ-ċittadini Ewropej jerġgħu jiksbu fiduċja fl-UE u jagħrfu fiha l-aspirazzjonijiet tagħhom.
Grech tkellem dwar l-Ewrozona u qal li Malta taqbel li din għandha jkollha strumenti aħjar biex ikun hemm għaqda monetarja u fiskali tajba.
Madankollu Malta ma tridx li jkun hemm armonizzazzjoni fiskali.
Matul id-diskuzzjoni, tkellmu dwar il-problema tal-imigrazzjoni u s-sigurtà, fejn esprimew it-tħassib tagħhom dwar l-effetti negattivi li l-immigrazzjoni irregolari qed tħalli fuq l-Unjoni Ewropea u l-poplu, u kif din tista’ twassal għal estremiżmu u thedded saħansitra l-futur taż-żona Schengen.    
Huma qablu li s’issa ma jidhirx li l-ftehim tal-UE mat-Turkija qiegħed jagħti r-riżultati mistennija.
Fl-aħħar nett tkellmu dwar il-proposti ta’ tibdiliet li jrid ir-Renju Unit biex  jibqa’ membru tal-Unjoni Ewropea.
Il-pożizzjoni komuni hi li l-Unjoni għandha tkun flessibbli biex tgħin lir-Renju Unit jibqa’ membru, fl-istess waqt li ma ċċedix kisbiet importanti li għamlet matul is-snin, bħall-moviment ħieles.
Saddatant f'laqgħa li kellu l-Ministru tal-Affarijiet Barranin George Vella mas-Segretarju tal-Istat Slovakk

Intant waqt laqgħa bejn il-Ministru tal-Affarijiet Barranin George Vella mas-Segretarju tal-Istat tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tas-Slovakkja Ivan Korčok, Korčok esprima l-apprezzament tiegħu għall-isforzi li għamlet Malta għall-Valletta Summit u c-CHOGM.
Il-Ministru Vella spjega li huwa naturali għal Malta li għal-laqgħa Presidenzjali tiffoka fuq il-Mediterran, l-imigrazzjoni u l-affarijiet marittimi.
Matul id-diskuzzjoni huma tkellmu fuq is-sitwazzjoni tal-Libja.
Huma temmew id-diskuzzjoni tagħhom għall-aktar kollaborazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi għat-tħejjijiet għal-Laqgħa Presidenzjali rispettivi tagħhom.

 
Ritratt: MEAIM