Malta u r-Russja jawguraw lil xulxin

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Malti Carmelo Abela, u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Russu, Sergey Lavrov, bagħtu ittri lil xulxin fl-okkażjoni tal-50 anniversarju mill-bidu tar-relazzjonijiet diplomatiċi bejn ir-Repubblika ta’ Malta u l-Federazzjoni Russa.
Il-Ministru Abela ddeskriva l-anniversarju bħala ċelebrazzjoni ta’ ħbiberija twila u attiva bejn iż-żewġ pajjiżi.
Żied jgħid li Malta se tibqa’ tkun leħen kostruttiv fit-tiftix għall-interess komuni f’oqsma ta’ interess strateġiku fl-Unjoni Ewropea u oqmsa oħra. Saħaq li l-Ministeru tiegħu se jagħmel kull sforz possibbli biex tissaħħaħ il-koperazzjoni għall-paċi, is-sigurtà, u l-istabbiltà.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Russu Lavrov kiteb li r-Russja lesta tibqa’ taħdem ma’ Malta fl-interess tat-tisħiħ tas-sigurtà fl-Ewropa u fil-Mediterran, biex tissaħħaħ il-ġlieda konta t-terroriżmu internazzjonali u jinstabu soluzzjonijiet għal sfidi oħrajn.