Malta u l-Polonja biss b’arja mniġġsa ħafna

Malta u l-Polonja biss fl-Ewropa kollha għandhom il-kundizzjoni tal-arja deskritta bħala “ħazina ħafna”, skont indiċi Ewropew li ppubblika r-riżultati lbieraħ.
L-Indiċi tal-Kwalità tal-Arja fl-Ewropa (European Air Quality Index) jikklassifika l-pajjiżi li fihom isir l-istudju skont 6 livelli; tajjeb, mhux ħażin, moderata, ħażina, ħażina ħafna, u grupp ieħor ta’ pajjiżi li ma jkunx hemm dejta disponibbli.
Wieħed jista’ jaċċessa għar-riżultati l-aktar riċenti, ngħidu aħna l-kwalita tal-arja f’Malta sa 6 sigħat ilu, jew sa 48 siegħa ilu. Dawn ir-riżultati ġejjin mill-aħħar 100 mitt jum.
Dan ifisser li l-previżjonijiet huma f’qasir iż-żmien, u mhux tbassir ta’ kif se tkun l-arja fit-tul ta’ żmien.
F’dal-każ il-kwalità ta’ Malta sa 6 sigħat ilu hija dik li ssemmiet.

L-informazzjoni tinġabar minn aktar minn 2,000 stazzjon ta’ moniteraġġ madwar l-Ewropa, u kif intqal l-informazzjoni ma tirriflettix previżjonijiet f’tul ta’ żmien.
Il-kwalità tal-arja tiġi kkalkulati skont kemm ikun fiha partiċelli tat-tip PM25 u PM10, dijossidu tan-nitroġenu (NO2), dijossidu tal-kubrit (SO2) u ozone (O3) fil-livell tal-art.
Ir-rappurtaġġ tal-informazzjoni miġbura ssir mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA).
Tista’ taċċessa l-grafika minn hawnhekk.