Malta u l-Olanda mistennija jitneħħew mil-lista ta’ pajjiżi siguri tal-Ingilterra

REUTERS/Borja Suarez

Malta u l-Olanda huma mistennija jitneħħew mil-lista ta’ pajjiżi meqjusin siguri fil-konfront tal-coronavirus mill-Ingilterra.

Dan qalu l-ġurnal Ingliż The Guardian, li żvela wkoll li l-Gvern Ingliż għadu qed jaħsibha dwar Franza, jekk tibqax titqies bħala pajjiż sigur jew le. Dan wara laqgħa li saret bejn il-Ministri Ingliżi lbieraħ li fiha ġiet diskussa ż-żieda qawwija fil-każijiet fl-Olanda u f’Malta.

Din id-deċiżjoni tfisser li t-turisti li jaslu lura l-Ingilterra minn btala f’Malta jew fl-Olanda jkollhom jagħmlu 14-il jum kwarantina. Kien mistenni li d-deċiżjoni titħabbar illum, iżda jidher li l-Prim Ministru Boris Johnson intervjena biex iwaqqfu għal ftit dawn il-pjanijiet ilbieraħ filgħaxija. Il-ħsieb kien li l-Gvern jevalwa aħjar il-każijiet fi Franza biex jiddeċiedi għandux isir l-istess fir-rigward ta’ Franza.

Il-ġurnal The Guardian qal li d-deċiżjoni issa mistennija titħabbar formalment il-Ġimgħa. Ir-rapport iżid jgħid li l-Olanda għandha rata ta’ 37.9 każ għal kull 100,000 persuna f’temp ta’ 14-il jum, filwaqt li Malta għandha kważi d-doppju, b’61.6 każ għal kull 100,000 persuna. Il-Belġju, il-Lussemburgu u Spanja diġà tneħħew mil-lista ta’ pajjiżi siguri.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn