Malta u l-Malti

Poeżija ta’ Natasha Turner.

Il-ħsieb: Ma niflaħx nara aktar ġlied bejnietna, qtil, malafama, abbużi etc. Ejja lkoll ningħaqdu u nissaħħu bejnietna ħalli nissieltu kull għadu, kif dejjem għamilna! Malta rridek lura! Ktibtlek tant kanzunetti u poeżiji għalik! Kburija bik kont dejjem u rrid li nibqa! Waħda mill-ħafna li ktibt għalik.

 

Malta u l-Malti

Malti

Minn mindu ftaħt għajnejja

Int tajtni, bħal omm, bla qies

Xemx, baħar, art u storja,

jibqgħu dejjem l-akbar glorja.

Malta

Kulma jien, gżira żgħira

Minn li għandi, jien nagħtik

Alla tani l-grazzja u l-barka

biex insawwrek, nipproteġik

Malti

Aktar ma kbirt, għaraft, tgħallimt

l-għeruq tiegħi, l-identità.

Għandha surtek, u d-dħulija,

smurija mbissma, kenn ta’ swar,

Qalb mill-akbar ta’ nies żgħar.

Malta

Kemm nitpaxxa jien nismagħkom

ilsien uniku, tant sabiħ.

Idoqq ħelu mal-mewġ mieles,

Jaf jitqanqal daqs mewġ ħieles.

Malti

Jiena Malti.

Dan hu leħni.

Jiena Malti.

Dan hu sehemi.

Jiena Malti.

Dan hu l-innu,

Lil din l-omm li tatni isimha.