Aġġornata: Malta u l-Libja jiffirmaw ftehim għax-xiri taż-żejt

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija esprima s-sodisfazzjon lejn dan il-ftehim bejn Malta u l-Libja.

Il-PN qal li li t-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn Malta u l-Libja hu frott l-appoġġ li ta l-Gvern Malti lill-poplu Libjan fil-kisba tal-libertà u d-demokrazija matul ir-Rivoluzzjoni Libjana tal-2011. 

Aktar qabel: 

Il-Gvern Malti u l-Gvern Libjan iffirmaw memorandum of understanding li se jkompli jsaħħaħ il-ħbiberija u l-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi.

Dan il-memorandum of understanding ġie ffirmat mill-Ministru Malti Konrad Mizzi u l-Ministru Libjan għall-Enerġija.

Preżenti għall-iffirmar tal-ftehim kien hemm ukoll il-Prim Ministru Malti Dr Joseph Muscat u l-Prim Ministru Libjan Ali Zeidan Mohamed.

Il-Prim Ministru ddeskriva dan il-ftehim bħala kruċjali u ta’ benefiċċju għaż-żewġ pajjiżi.

Permezz ta’ dan il-ftehim Malta se tixtri ż-żejt mil-Libja bi prezz vantaġġjuż u se tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi fit-tfittxija għaż-żejt fil-baħar Mediterran.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Prim Ministru qal li l-ftehim għaż-żejt jinkludi wkoll id-dijżil, il-jet oil u l-LPG.

Il-Prim Ministru saħaq li dan il-ftehim se jkun qed jistabilizza l-prezz tal-fjuwil f’pajjiżna.

Qal ukoll li Malta għandha l-potenzjal li sservi bħala hub għall-enerġija fil-Mediterran.

Il-Maltin se jkunu qed jgħinu lil-Libjani f’oqsma oħra fosthom it-tagħlim tal-Ingliż mil-Libjani f’Ta’ Ġiorni, it-turiżmu, l-avjazzjoni u s-saħħa.

Il-ħidma biex tfassal dan il-memorandum of understanding beda fit-tmiem taż-żjara li l-Prim Ministru Joseph Muscat kien għamel fil-Libja f’Ġunju li għadda.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Libjan wiegħed li l-Libja se tkompli taħdem kontra l-immigrazzjoni irregolari.

Meta mistoqsi minn Newsbook.com.mt dwar jekk hemmx żmien stipulat dwar il-ftehim tal-prezzijiet taż-żejt, il-Prim Ministru wieġeb li l-memorandum ifassal biss punti importanti, iżda d-dettalji se joħorġu iktar 'il quddiem.

Il-Prim Ministru insista li dan il-pjan mhux se jwarrab il-pjan tal-enerġija tal-Gvern, u lanqas ma jfisser li l-Gvern għandu pjan wieħed ewlieni fuq is-suġġett. 

Il-ftehim mistenni li jidħol fis-seħħ fil-ġimgħat li ġejjin filwaqt li mistennija li jsiru aktar laqgħat bilaterali fi Tripli.