Malta u l-Korea t’Isfel se jgħinu lil xulxin fil-qasam tat-trasport

Iż-żewġ Ministeri tat-Trasport, f’Malta u l-Korea t’Isfel, iffirmaw ftehim li permezz tiegħu, il-Gvernijiet taż-żewġ pajjiżi se jaħdmu flimkien fl-oqsma tal-infrastruttura u x-xogħlijiet pubbliċi.
Il-ftehim ġie ffirmat f’Seoul, fejn il-Ministru Joe Mizzi qed jattendi għall-25 Kungress Dinji dwar it-toroq.
Joe Mizzi spjega li f’Malta, il-Gvern qed jippromwovi politika ta’ trasport li tkun tinkludi modi differenti ta’ trasport, li jippermettu li wieħed jiċċaqlaq minn post għall-ieħor b’mod sostenibbli.
Semma li l-politika tinkludi l-użu ta’ servizz ta’ trasport bil-karozzi tal-linja u bil-baħar, u l-konnettività vertikali, bħal fil-każ tal-lift tal-Barrakka, mil-livell tal-baħar għal dak tal-belt.
Spjega li biex dan ikun suċċess, irid ikun hemm informazzjoni reali biex wieħed jippjana l-vjaġġ tiegħu, irid ikun hemm sistema ta’ biljetti li tgħaqqad il-modi differenti ta’ trasport, u li din tkun waħda faċli biex dak li jkun iħallas.
Spjega li f’Malta s’issa, il-card elettronika għall-użu tal-linja qed tintuża minn kwart tal-popolazzjoni.