L-Awtoritajiet Maltin u Taljani mhux se jħallu li l-141 immigrant abbord Aquarius jitħallew jidħlu f’port Malti.
Il-Gvern Malti qal fi stqarrija li la darba l-ħidma ta’ salvataġġ ma saritx mill-Gvern Malti u la s-salvataġġ sar aktar viċin il-Libja, it-Tuneżija u l-Italja (viċin Lampedusa), ma setgħax jawtorizza li l-bastiment jidħol f’Malta.
Il-Gvern qal ukoll li t-talba biex Aquarius jidħol fil-portijiet Maltin ma kinitx iġġustifikata u lanqas kella bażi legali. Kompla jgħid li l-Gvern qed isegwi s-sitwazzjoni u “qiegħed f’kuntatt ma’ awtoritajiet oħra”.
Fakkar ukoll fis-salvataġġ li sar kmieni dalgħodu fejn ġew salvati 114-il immigrant mill-Forzi Armati ta’ Malta.
“Waqafna bejn Malta u l-Italja nistennew struzzjonijiet”
Fin-12.20pm, l-għaqda SOS Mediterranee li topera l-bastiment Aquarius li bħalissa jinsab fl-ibħra ta’ bejn Malta u l-Italja ħabbret li l-awtoritajiet kemm Maltin kif ukoll Taljani ma ħallewhix tidħol fil-portijiet tagħhom.
F’Ġunju li għadda, l-istess bastiment ma tħallix jidħol f’Malta u kien salpa lejn Marsilja wara li kien aċċettat mill-Gvern Franċiż.
Fi tweet, l-għaqda qalet li kellha twaqqaf il-vjaġġ tagħha biex tistenna struzzjonijiet ta’ fejn se tieħu lill-immigranti f’post sikur.
UPDATE: Maritime authorities from #Malta and #Italy inform #Aquarius that they will not grant 141 people onboard a place of safety to disembark. #Aquarius has now reached a standby position exactly between Malta and Italy and is awaiting further guidance. pic.twitter.com/Dc1gjK4dvj
— MSF Sea (@MSF_Sea) August 13, 2018
Ilbieraħ, l-istess għaqda flimkien ma’ Doctors Without Borders (MSF) talbu lill-gvernijiet Ewropej u l-awtoritajiet marittimi tagħhom sabiex jiftħu l-port għall-immigranti salvati u jiffaċilitaw l-assistenza fiċ-ċentru tal-Mediterran.
L-organizzazzjonijiet qalu li jinsabu inkwetati dwar il-policies Ewropej li qed ifixklu l-proviżjonijiet tal-assistenza umanitarja u li rriżultaw minn numru ta’ mwiet fl-aħħar xhur.
Il-ġimgħa li għaddiet, l-istess bastiment kien irrifjuta li jieħu lill-imigranti lura l-Libja.