Malta u l-Italja jintalbu port sigur għat-356 persuna fuq Ocean Viking

Twitter / SOS Mediterranee

Read in English.

Malta u l-Italja ntalbu jikkordinaw port sigur fejn jistgħu jitniżżlu 356 persuna abbord Ocean Viking, li fosthom hemm 103 taħt l-età tat-18-il sena.

Fi stqarrija ż-żewġ għaqdiet li joperaw il-bastiment, Médecins Sans Frontières (MSF) u SOS Mediterranee talbu lill-awtoritajiet Maltin u Taljani biex jikkordinaw u jagħtu l-appoġġ tagħhom biex jinstab port fejn it-356 persuna li ġew salvati f’erba’ operazzjonijiet differenti.

AQRA: Agħtu port ta’ sigurtà lill-507 immigrant bejn sema u ilma – UNHCR

Din kienet l-ewwel missjoni tal-bastiment Ocean Viking wara li għaqdiet li kienu joperaw l-Aquarius waqfu.

Il-koordinatur tal-MSF fuq Ocean Viking stqarr li fost dawk li salvaw hemm nies li għandhom sinjali evidenti ta’ vjolenza psikoloġika u fiżika li minnha għaddew waqt li qed jaħarbu mil-Libja.

Huwa żied jgħid li l-verità tibqa’ li l-immigranti u r-refuġjati vulnerabbli huma maqbudin fil-kunflitt tal-Libja fiċ-ċentri tad-detenzjoni. Sostna li issa qed jitolbu post fejn dawn il-persuni vulnerabbli jistgħu jitniżżlu mingħajr dewmien, hekk kif soffrew biżżejjed.

Bejn id-9 u 12 ta’ Awwissu ċ-Ċentru Libjan ta’ Koordinazzjoni Konġunta ta’ Salvataġġ ma wieġeb għall-ebda kuntatt li prova jagħmel Ocean Viking, apparti biex jgħid lill-bastiment iniżżel lill-persuni salvati fil-Libja. L-għaqdiet sostnew li dan imur kontra l-liġi internazzjonali u l-persuni mhux se jitniżżlu l-Libja.

Il-koordinatur għal SOS Mediterranee Nick Romaniuk sostna li l-operazzjonijiet tas-salvataġġ saru permezz tal-ħidma tagħhom. Saħaq li l-ebda awtorità marittima ma għamlet kuntatt magħhom.

103 minnhom tfal

103 mit-356 persuna salvati huma minuri, iżda 11 minnhom biss huma akkumpanjati mill-ġenituri jew xi ħadd li qed jieħu ħsiebhom.

Luca Pigozzi li huwa tabib mal-MSF u jinsab fuq il-bastiment, qal li diversi mill-persuni abbord iddeskrivew l-esperjenzi tagħhom fil-Libja. Uħud qalu li ġew ittorturati permezz ta’ xokkijiet, issawwtu jew inħarqu bi plastik maħlul.

Aqra iktar:

Bastiment ġdid isalva immigranti mill-għarqa

Aġġornata: 60 minorenni abbord Ocean Viking

L-MSF u l-SOS Mediterranee se jerġgħu jibdew joperaw l-ħidma tat-tfittxija u salvataġġ fil-Mediterran

Bastiment li jsalva l-immigranti ma ngħatax fjuwil mill-awtoritajiet Maltin