Malta u l-Ingilterra jiltaqgħu fil-futsal

Il-ġimgħa d-dieħla, it-tim nazzjonali Malti tal-futsal immexxi mill-kowċ Mark Marlow, se jkun impenjat fi Grupp E mir-Rawnd Preliminari tal-Kampjonat Ewropew tal-Futsal.
Flimkien ma’ Malta, fl-istess grupp insibu lill-Ingilterra, l-Andorra u l-Latvija.
Il-logħob kollu se jintlagħab bejn l-14 u s-17 ta’ Jannar fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin.
Nhar l-Erbgħa fil-5pm ikollna l-Latvija kontra l-Andorra, filwaqt li fis-7:30pm Malta tilgħab kontra l-Ingilterra.
Il-Ħamis fil-5pm l-Ingilterra tilgħab kontra l-Latvija u fis-7:30pm Malta tilgħab kontra l-Andorra.
Is-Sibt fil-5pm ikollna l-Andorra kontra l-Ingilterra u l-aħħar logħba fis-6:30 tkun dik bejn il-Latvija u Malta.
Nawguraw kull suċċess lit-tim nazzjonali Malti tal-futsal u l-pubbliku Malti hu mħeġġeġ li jattendi u jagħti s-sapport li hu tant meħtieġ.