Malta u l-Indja jissieħbu f’diversi oqsma

Żjara India President

L-uffiċju tal-Informazzjoni ħabbar li l-Vici-President tal-Indja, Shri M. Venkaiah Naidu qiegħed f’Malta fuq żjara uffiċjali. Din iż-żjara tafferma mill-ġdid ir-relazzjoni tajba bejn Malta u l-Indja.

Il-President Marie-Louise Coleiro Preca qalet li l-komunità Indjana f’Malta qiegħda tikber u r-rispett lejn din il-komunità qed jissaħħaħ permezz tal-integrazzjoni paċifika, kemm ekonomika, kif ukoll soċjali.

Din iż-żjara servit ta’ pjattaforma għal diskussjonijiet fuq diversi suġġetti fosthom il-kummerċ, l-edukazzjoni, kooperazzjoni marittima, it-turiżmu, it-teknoloġija u l-industrija taċ-ċinematografija.

Intant, huma ffirmaw dwar ftehim fuq kooperazzjoni bejn il-Mediterranean Academy of Diplomatic Studies, l-Università ta’ Malta u L-Istitut għas-Servizzi Barranin kif ukoll il-Ministeru tal-Affarijiet Esterni tar-Repubblika tal-Indja. Ftehim ieħor li ġie ffirmat kien fuq il-kooperazzjoni marittima, bejn il-Ministeru tat-Trasport, i-Ministeru tal-Infrastruttura, Capital Projects of the Republic of Malta u il-Ministeru tat-tbaħħir tar-Repubblika tal-Indja. L-aħħar ftehim li ġie ffirmat jikkonċerna l-qasam tat-turiżmu.

Il-President Marie Louise Coleiro Preca awgurat li jkun hemm iktar prosperità bejn iż-żewġ nazzjonijiet sabiex jaċċertaw il-paċi u s-sigurtà għall-poplu Malti u ċ-ċittadini Indjani.