Malta u l-Ġappun iridu jsaħħu r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin George Vella ltaqa’ mas-Segretarju Parlamentari Ġappuniż fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Mika Yamada fejn ġew diskussi r-rabtiet bejn Malta u l-Ġappun.
Il-Ministru Vella stqarr li r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi żdiedu f’numru ta’ oqsma matul dawn l-aħħar snin.
Qal li fadal potenzjal ta’ rabtiet aktar b’saħħithom fis-settur tal-kummerċ, l-edukazzjoni, l-avjazzjoni u l-loġistika.
Il-Ministru Vella qal ukoll li r-relazzjonijiet bejn Malta u l-Ġappun jistgħu jissaħħu permezz tal-laqgħa ASEM bejn l-Ewropa u l-Ażja.
Min-naħa tagħha, Is-Segretarju Parlamentari Ġappuniż qablet mal-Ministru Vella li fadal settur li joffru potenzjal għal tkabbir fir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi.
Qalet li l-Gvern Ġappuniż irid isaħħaħ ukoll ir-relazzjonijiet mal-Unjoni Ewropea permezz ta’ sħubija strateġika.
Tkellmet ukoll dwar l-interess tal-Ġappuniżi li jżuru Malta biex jistudjaw l-Ingliż.
Yamada qalet li l-Ġappun qed juri solidarjetà mal-Ewropa fl-isfida tal-immigrazzjoni u għalhekk il-Gvern Ġappuniż se jalloka aktar minn €750 miljun għar-refuġjati mis-Sirja.
Din is-sena, Malta u l-Ġappun qed ifakkru l-50 sena anniversarju mit-twaqqif tar-relazzjonijiet diplomatiċi.  

Ritratt: DOI – Cloudagh Farrugia O'Neill