Malta u l-Ewropa kontra li tibqa’ ddur is-siegħa

Il-pajjiżi Ewropej, inkluż Malta huma fil-maġġornaza favur li l-Ewropa tieqaf iddawwar is-siegħa. Dan ħareġ minn studju li għamlet il-Kummissjoni Ewropea li  rat 84% tal-Ewropa favur li ma jibqax jinbidel il-ħin. 54% tal-parteċipanti Maltin sostnew li ma jridux li jibqa’ jinbidel aktar il-ħin.

Il-konsultazzjoni li saret onlajn bejn l-4 ta’ Lulju u s-16 ta’ Awwissu rċeviet mal-4.6 miljun risposta mit-28 Stati Membri. Skont l-analiżi tar-riżultat ippubblikata fuq is-sit tal-Parlament Ewropew, din hija l-akbar rispons li qatt irċeviet konsultazzjoni pubblika mill-Kummissjoni.

Il-Kummissarju Ewropew għat-Trasport, Violeta Bulc, ippreżentat ir-riżultat quddiem il-Kulleġġ tal-Kummissjonarji u spejgat li se jkun qed jitfassal pjan leġislattiv li mbagħad jitressaq quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill li jieħdu d-deċiżjoni finali.

Ir-riżultati preliminari jindikaw ukoll li 76% tal-persuni li rrispondew jikkunsidraw it-tibdil tas-siegħa darbtejn fis-sena bħala esperjenza negattiva bir-raġunijiet ivarjaw minn impatti negattivi fuq is-saħħa u ż-żieda fl-inċidenti tat-traffiku, fost oħrajn.

Il-mistoqsija dwar it-tibdil tas-siegħa tpoġġiet fuq l-aġenda politika mill-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker bħala parti mill-wiegħda tiegħu li se jħalli lill-Istati membri jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom fejn neċessarju.