Malta u l-Bosnija l-uniċi fil-Kunsill tal-Ewropa li jipproteġu bbulljar dwar sess

Malta u l-Bosnija-Ħerzegovina huma l-uniċi stati fil-Kunsill tal-Ewropa li l-policies tal-edukazzjoni jipproteġu kontra tliet tipi ta’ diskriminazzjoni; dik t’orjentazzjoni sesswali, dik t’identità tal-ġeneru u dik ta’ karatteristiċi tas-sess. Pajjiżi oħra jipproteġu biss kontra l-ewwel żewġ tipi.

Dan ġie żvelat f’rapport ippubblikat mill-Kunsill tal-Ewropa dwar bullying u vjolenza fis-sistemi edukattivi tal-istati membri fuq bażi ta’ orjentazzjoni, sess u ġeneru. Kif innota r-rapport, apparti policy speċifikament fl-edukazzjoni, hemm pjan t’azzjoni li ġie mniedi mill-Gvern fl-2015. Il-policy tal-edukazzjoni kienet parti minn dan il-pjan, li jisħaq biex jipproteġi d-drittijiet ta’ dawk li jiffurmaw parti mill-LGBTIQ.

Minkejja dan kollu, f’Malta 54% ta’ studenti LGBTIQ irrapurtaw li jsofru minn bullying verbali fl-iskejjel, waqt li 13% irrapurtaw li jsofru anka minn vjolenza fiżika. Wieħed minn kull ġiex studenti jitkellmu dwar l-identità tagħhom biss ma’ nies fl-iskola li jħossuhom komdi magħhom, waqt li 18% ma qalu lil ħadd l-iskola.