Malta u l-Amerka jiddiskutu l-isfidi globali preżenti

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin George Vella u d-Deputat Assistent Segretarju tal-Istat tal-Amerka Julieta Van Noes iddiskutew għadd ta’ sfidi globali. Fosthom, iddiskutew l-ISIS, l-Ebola, u żviluppi fil-Libja u l-Ukraina.
Dawn l-isfidi ġew diskussi waqt laqgħa li kien hemm bejn Dr George Vella u Julieta Van Noes li bħalissa qiegħda għal żjara f’Malta.
Waqt il-laqgħa, il-Ministru Vella fakkar li Malta lesta tgħin politikament lil pajjiżi barranin sabiex jikkombattu theddid minn movimenti radikali u gruppi ta’ terroristi.
Filwaqt li semma l-importanza ta’ żviluppi f’reġjuni oħra, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin qal li żviluppi fil-Mediterran huma t’importanza kbira.
Min-naħa tagħha, id-Deputat Assistent Segretarju laqgħat ir-rwol ta’ Malta fl-affarijiet reġjonali u wriet l-apprezzament tal-Amerka talli Malta temporanjament aċċettat li żżomm lid-diplomatiċi Amerikani li kienu fil-Libja.
Diskussjonijiet oħra ffukaw fuq is-sitwazzjoni diffiċli tal-migrazzjoni illegali f’Malta. Il-Ministru Vella rringrazzja lill-Gvern Amerikan tas-solidarjetà konsistenti li wera permezz tal-programm ta’ rilokazzjoni.
 
Ritratt: DOI – Martin Attard