Malta u l-Alġerija jistgħu jaħdmu flimkien fuq diversi aspetti – il-President ta’ Malta

Il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, iddeskriviet iż-żjara tagħha u l-laqgħat li kellha fl-Alġerija bħala pass importanti li juri aspetti komuni bejn iż-żewġ pajjiżi li għandhom diversi toroq ta’ kollaborazzjoni quddiemhom.
Fi tmiem laqgħa mal-President tal-Alġerija, Abdelaziz Bouteflika, il-President ta’ Malta qalet li l-żewġ pajjiżi jistgħu jaħdmu flimkien mil-lat ta’ kummerċ imma wkoll għall-istabilità u l-paċi fir-reġjun.
Semmiet il-kwistjoni tal-immigrazzjoni, li tolqot liż-żewġ pajjiżi, u l-ħtieġa ta’ stabilità fil-Libja.
Faħħret lill-Alġerija għas-sehem tagħha fil-Valletta Summit u fil-laqgħa tal-Commonwealth f’Malta waqt li saħqet li temi komuni, bħall-immigrazzjoni, se jibqgħu fil-qofol ta’ appuntamenti internazzjonali importanti bħall-Presidenza Maltija tal-UE s-sena d-dieħla.
Fl-aħħarnett, il-President Coleiro Preca laqgħet il-ħsieb tal-Alġerija, li tiftaħ rappreżentanza permanenti f’Malta wara li Malta fetħet konsolat ġdid b’ambaxxatur f’Alġiers.
F’din iż-żjara, f’isem il-Gvern Malti qed jieħdu sehem ukoll il-Ministru tal-Affarijiet Barranin, George Vella, u l-Ministru tal-Ekonomija, Chris Cardona, minbarra l-Konsulent għall-Kabinett, Toni Abela. 
Ritratti: DOI – Omar Camilleri