Malta u Iżrael jiddiskutu l-proċess għall-paċi fil-Lvant Nofsani

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, George Vella iltaqa’ mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Iżraeljan, Avigdor Libermann f’Ġerusalemm.
Iż-żewġ Ministri ddiskutew l-aħħar żviluppi relatati mal-proċess għall-paċi fil-Lvant Nofsani kif ukoll ir-relazzjonijiet tajbin bejn iż-żewġ pajjiżi.
Il-Ministru Iżraeljan qal li s-sitwazzjoni dwar il-paċi f’dan ir-reġjun mhix waħda tajba u sostna li bħala pajjiż fl-Unjoni Ewropea, Malta għandha rwol importanti biex titkellem dwar il-ħtieġa għall-paċi.
Vella u Libermann qablu li jidħlu f’konsultazzjonijiet politiċi regolari, isaħħu l-koperazzjoni u l-iskambji ta’ opinjoni dwar l-iżviluppi fir-reġjun.
George Vella qal li l-pożizzjoni ta’ Malta dwar il-kunflitt bejn Iżrael u l-Palestina hija li għandu jkun hemm żewġ stati, li jirrikonoxxu d-drittijiet ta’ Iżrael u l-Palestina.
Il-Ministru Vella kellu wkoll laqgħat mal-Ministru Iżraeljan għall-Ġustizzja, il-Kap tal-Oppożizzjoni f’Iżrael u ċ-Chairman tal-Kumitat tal-Affarijiet Barranin tal-Parlament.
Aktar tard żar il-monument Vad Yashem li jinsab f’Ġerusalemm fejn poġġa bukkett fjuri bħala tifkira tal-vittmi tal-Olokawst.