“Malta u Ħal Qormi tilfu attur ieħor” – Sebastian Calleja

Tħabbret il-mewt tal-attur Joseph Mangion li ħafna żgur jiftakru f’sensiliet bħal Qegħdin Sew u Gawdenz. Hu kellu 85 sena.

In-neputi tiegħu, il-kantant Sebastian Calleja, sellem il-memorja ta’ Mangion u fil-kumment tiegħu qal li “Malta u Ħal Qormi tilfu attur ieħor. Grazzi talli kont ziju mill-aqwa”.

Joseph Mangion twieled Ħal Qormi nhar id-29 ta’ Gunju 1934. Huwa kien l-akbar fost 7 aħwa. Ma kienx miżżeweg però dejjem ħass il-bżonn li jaħdem għall-familja tiegħu speċjalment għal ħutu u l-ġenituri tiegħu biex dejjem ikunu kuntenti.

Bħala professjoni ħadem bħala skrivan però wara ftit kien fetaħ ħanut żgħir tal-ħelu ġewwa l-Ħamrun flimkien ma’ ħuh.

Mangion kien juri interess u passjoni kbira lejn l-palk u t-teatru sa minn età żgħira u infatti beda l-karriera tiegħu f’Ħal Qormi flimkien mal-kumpanija teatrali Anici. Minn hemm kompla l-karriera tiegħu ma’ bosta kumpaniji oħra tat-teatru fosthom Bronk Productions.

Ħadem ma’ bosta atturi stabbiliti Maltin fosthom Ġemma Portelli, Vitorin Galea, Renzo Bonello, Dominic Said, Norma Cristina, Eileen Micallef u ħafna oħrajn.

Però l-aktar żewg karattri għal qalbu kienu fis-sensiela l-Avukat Gawdenz Bilocca bħala l-professur li min taħtu Gawdenz Bilocca kien iggradwa bħala avukat.

Karattru ieħor li kien iħobb huwa ta’ missier Samuel (Renzo Bonello) fis-sensiela Qegħdin Sew.

Joseph Mangion kien ukoll iħobb il-kitba bil-Malti. Matul is-snin kiteb xi stejjer għal fuq il-palk u kellu oħrajn li qatt ma ġew ippublikati.

Joseph Mangion bħala l-Professur li taħtu ggradwa l-avukat Gawdenz Bilocca

Strieħ fis-sliem.