“Malta u Għawdex preparati biss għal 14-il każ ta’ coronavirus” – MUMN

Read in English.

L-Union Maltija għall-Infermiera u l-Qwiebel qalet li Malta u Għawdex għandhom pjan preparatorju ta’ 14-il sodda f’każ li l-coronavirus jasal Malta. Fi stqarrija, l-union spjegat li dan ifisser li jekk ikollu jidħol ajruplan jew xi cruiseliner Malta u jinstab li jkollu fuqu persuni li għandhom il-coronavirus (COVID-2019), 14-il każ biss ikunu jistgħu jinżammu fil-faċilitajiet kurrenti.

L-Union kienet qed tirreaġixxi għall-konferenza tal-aħbarijiet li saret ilbieraħ mill-Gvern dwar il-coronavirus u l-pjanijiet li qed jaħdem fuqhom id-Dipartiment tas-Saħħa. L-union spjegat li pjan dwar il-coronavirus jinkludi biss l-ITU u l-IDU. Qalet li dan kollu jfisser li f’każ ta’ epidemija, Malta la għandha l-faċilitajiet u lanqas għandha biżżejjed infermiera sabiex jgħinu massa ta’ pazjenti tat-tip.

L-istqarrija tal-MUMN telenka dawk li sejħulhom ħames “fatti”. L-MUMN qalet li mhux veru li hemm 350 infermier li huma mħarrġa mid-Dipartiment tal-Emerġenza, il-Unit tat-Terapija Intensiva u l-Unit tal-Mard Infettiv. L-union spjegat li l-units għandhom biss 220 infermier.

L-MUMN qalet li kellha raġun meta qalet li l-infermiera ma kinux qed jiġu mħarrġa jew preparati biex jaffaċċjaw pazjenti bil-coronavirus. L-MUMN ikkonfermat ukoll li l-infermiera tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex u dawk li jaħdmu fil-Kura Primarja ma rċevew l-ebda taħriġ. Insistiet li dan it-taħriġ huwa neċessarju f’każ li l-Gvern jispiċċa jkollu jdaħħal ċertu pazjenti l-isptar f’każ ta’ epidemija f’Malta.

L-MUMN qalet ukoll kif kellha raġun meta qalet li ma hemmx units ta’ iżolament alternattivi barra mill-Isptar Mater Dei. Sostniet li dawn kellhom jingħataw prijorità.

Intant qalet li kien hemm żewġ każi suspettati ta’ coronavirus fejn l-infermiera lanqas biss tħallew jilbsu maskri. Qalet li għaldaqstant dawn l-infermiera ma attendewx għall-pazjenti.

Intant, tabib tal-familja qal fuq Facebook li għall-kuntrarju ta’ dak li talab il-Gvern ilbieraħ, it-tobba tal-familja mhux attrezzati biex jagħtu l-għajnuna lil persuni li jaħsbu li għandhom sintomi tal-coronavirus (COVID-2019). Hu talab lill-pubbliku sabiex iċempel fuq il-helpline 21324086.

Dan japplika għal dawk li jkollhom deni, sogħla jew qtugħ ta’ nifs fi żmien ġimagħtejn wara li jżuru l-pajjiżi t’hawn taħt:

  • Iċ-Ċina
  • Il-Hong Kong
  • Singapore
  • Il-Ġappun
  • L-Iran
  • Il-Korea t’Isfel
  • L-Italja ta’ Fuq – Il-Lombardija, Piedmont, Veneto u Emilia-Romagna

Fil-post tiegħu it-tabib ta lista ta’ miżuri li wieħed jista’ jieħu għal iġene bażika. Dawn jinkludu:

  • Ħasil tal-idejn bis-sapun u ilma jew l-użu ta’ alcohol hand rub
  • Jekk ma tiflaħx, ibqa’ d-dar; tmurx għax-xogħol, l-iskola jew f’postijiet pubbliċi sakemm tħossok aħjar
  • Iżżurx pazjenti fl-isptar jekk ma tiflaħx
  • Uża tissue jew il-minkeb biex tgħatti ħalqek u mnieħrek meta tgħatas jew tisgħol