Malta u ċ-Ċina se jinvestu f’pajjiż Ewropew fl-Enerġija

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li Malta u ċ-Ċina qed jaħdmu fuq joint venture biex isir investiment f'pajjiż Ewropew fil-qasam tal-Enerġija rinovabbli, pannelli solari u oqsma oħra fl-Enerġija.
Joseph Muscat qal dan fi tmiem laqgħa bilaterali li kellu mal-Viċi President taċ-Ċina waqt it-tieni jum taż-żjara tiegħu fiċ-Ċina.
Il-Prim Ministru qal li wasal iż-żmien li pajjiżna mhux biss jiġbed l-investiment lejħ imma jara kif jinvesti hu stess.
Dan jista' jseħħ permezz tal-joint venture ma' kumpanija Ċiniza fil-qasam tal-Enerġija.
Żvela ukoll li għaddejjin negozjati biex Malta tkun bażi għal-loġistika fil-Mediterran.
Qal li jezistu proposti konkreti dwar dan l-investiment biex Malta jkollha mhux biss Freeport imma anke Freetrade Zones għal skopijiet loġistiċi.
Fi tmiem il-laqgħa mal-Viċi President taċ-Ċina, Joseph Muscat ħabbar ukoll li Malta se jkollha Konsulat Ġenerali fil-Belt ta' Shanghai, li hija ċ-ċentru finanzjarju u kummerċjali ewlieni fiċ-Ċina.
Il-ħsieb huwa li l-konsolat f'Shanghai jitmexxa minn Sai Mizzi Liang.
Il-Prim Ministru qal li l-investiment permezz ta' iktar riżorsi fiċ-Ċina qed iħalli l-frott permezz tas-sinerġija li teżisti bejn il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u l-Ministeru tal-Affarijiet Ewropej u l-isforzi li qed tagħmel l-Ambaxxata ta' Malta fiċ-Ċina flimkien mas-Sinjura Mizzi Liang.

Ritratt: DOI – Jeremy Wonnacott