“Malta u ċ-Ċili jitgħallmu minn xulxin dwar il-faqar u l-inġustizzji”

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca tinsab fuq l-ewwel żjara minn kap ta’ stat Malti fiċ-Ċili. F’Santiago intlaqgħet mill-President taċ-Ċili, Michelle Bachelet.
Wara l-ewwel laqgħa bilaterali, il-President ta’ Malta appellat lill-organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili f’Malta u ċ-Ċili biex jikkollaboraw fuq temi bħall-faqar, id-diskriminazzjoni u l-inġustizzji. Fi kliemha, “iż-żewġ pajjiżi għandhom ħafna x’jitgħallmu minn xulxin, dwar kif l-aħjar jiffaċjaw dawn it-temi, b’rispett lejn id-drittijiet umani.”
Marie-Louise Coleiro Preca qalet li b’din il-ħidma iż-żewġ pajjiżi jkunu qed jibnu paċi, prosperità u ġid sostenibbli u effettivi għall-familji Maltin u Ċileni.
Il-President ta’ Malta tappella għall-ugwaljanza
Aktar kmieni il-President ta’ Malta tkellmet dwar il-ħidma li għandha ssir biex l-ugwaljanza bejn is-sessi ssir realtà fil-ħajja ta’ kull mara u kull tifla fid-dinja. Talbet għal iktar azzjoni mill-komunità internazzjoni b’appoġġ għad-drittijiet tan-nisa.
Żaret ‘Casa de la Mujer’ f’Santiago (Id-Dar tal-Mara), dar li tħeġġeġ il-parteċipazzjoni tan-nisa f’oqsma bħas-saħħa, l-edukazzjoni, ix-xogħol, l-isport u d-drittijiet ċivili. Il-President taċ-Ċili Michelle Bachelet intrabtet li dawn it-temi jingħataw aktar importanza permezz ta’ Aġenda apposta.