Malta twiegħed benefiċċji lid-900 impjegat tal-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini

Is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur, Deo Debattista u l-Kap tal-Awtorità Maltija tal-Mediċini, il-Professur Anthony Serracino Inglott, ippreżentaw in-nomina Maltija biex tospita l-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini, l-EMA.
Malta qed twiegħed futur sabiħ lid-900  ħaddiem li jaħdem mal-EMA. Is-Segretarju Parlamentari qal li l-pajjiż se joffri servizzi edukattivi tal-ogħla kwalità u mingħajr ħlas lit-tfal tagħhom, tranżizzjoni effiċjenti b’offerta u uffiċini fi SmartCity.
Min-naħa tiegħu l-Professur Serracino Inglott spjega li l-uffiċini l-ġodda fil-kwartieri tal-EMA se jkunu adekwati u bl-aħħar apparat teknoloġiku. Se jkun hemm ukoll mogħdija apposta fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta minn fejn ikunu jistgħu jgħaddu l-impjegati tal-EMA b’mod iktar mgħaġġel kif ukoll servizz ta’ trasport li jeħodhom mill-ajruport sal-uffiċċji.
Din l-aġenzija żżomm monitoraġġ fuq prodotti mediċi li jinbiegħu fis-suq Ewropew u tassigura li l-istudji kliniċi jew manifatturali huma konformi mal-politika Ewropea.
L-EMA hi responsabbli wkoll minn konferenzi internazzjonali li jsiru fil-pajjiż li jospitaha. Fost dawn il-konferenzi kien hemm waħda li laqqgħet is-36,000 delegat internazzjonali.
Biex tospita l-EMA, Malta qed tikkompeti ma’ 18-il pajjiż ieħor. Debattista qal li dan hu żmien opportun biex Malta tirreklama lilha nnifisha għall-kumpaniji oħra li bħall-EMA u bħall-Awtorità Ewropea tal-Banek se jibdew paġna ġdida wara Brexit.
Il-vot finali se jittieħed fl-għoxrin ta’ Novembru li ġej meta jiltaqgħu l-Ministri għall-Affarijiet Ewropej.