“Malta triq faċli għas-sinjuruni Russi biex jidħlu fl-UE” – La Repubblica

Il-ġurnal Taljan La Repubblica jiddeskrivi l-programm taċ-Ċittadinanza b’Investiment tal-Gvern Malti bħala triq faċli għas-sinjuruni Russi biex jakkwistaw ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea.
Il-programm taċ-Ċittadinanza reġa’ kien fiċ-ċentru tal-attenzjoni wara li aktar kmieni din il-ġimgħa, anke s-sit Bloomberg irrapporta kif ħafna sinjuruni Russi qed jixtru ċ-ċittadinanza Maltija u staqsa x’qed toffri Malta li r-Russja ta’ Putin mhijiex.
La Repubblica qed tagħmel mistoqsija simili u ssemmi kif fi tliet snin, aktar minn 700 ċittadin Russu għażlu li jiksbu ċ-ċittadinanza Maltija.
Jispjega kif fost persuni oħra hemm Russi li huma parti mil-lista ta’ Forbes li ssemmi l-aktar nies sinjuri fid-dinja.
Fost dawn hemm Arkadij Volozh li huma l-fundatur ta’ Yandex, l-akbar kumpanija li tispeċjalizza fir-riċerka fir-Russja. La Repubblica tispjega kif dan akkwista ċ-ċittadinanza għalih u għall-familja kollha tiegħu.
Kelliema għall-istess Volozh qalu kif hu jivjaġġa ħafna minħabba x-xogħol u passaport Ewropew jgħinu jagħmel dan b’mod aktar faċli minkejja dan jisħqu li hu jibqa’ l-ewwel u qabel kollox ċittadin Russu u jissodisfa r-rekwiżiti kollha tal-liġi Russa.
L-istess ġurnal ikompli jgħid li l-verità hi li s-sanzjonijiet li ġew imposti fuq ir-Russja wara t-tensjoni fil-Ukrajna qed jallarmaw ħafna imprendituri Russi aktar u aktar għax il-Gvern Russu għandu ċans sal-aħħar ta’ Frar biex jagħżel individwi, “viċin Putin” biex jissanzjona.
Newsbook.com.mt kien għamel analiżi ta’ wħud mill-kunjomijiet u kien sab li ħafna minnhom kienu ġejjin mir-Russja, mill-Armenja, mit-Turkija, mill-Ażerbajġan, mill-Ġorġja, miċ-Ċina u mill-Għarabja Sawdija.
Fost dawn kien hemm anke ismijiet u kunjomijiet li dehru fil-Panama Papers.
Mhux l-ewwel darba li l-Parlament Ewropew wissa lill-Gvern Malti dwar dan il-programm.
Il-Parlament Ewropew kien saħansitra vvota b’maġġoranza kbira favur riżoluzzjoni, li fost affarijiet oħra, titfa’ dubji dwar il-prattika tal-bejgħ taċ-ċittadinanza tal-UE.
Minkejja dan, fl-istess jum, il-Prim Ministru Joseph Muscat kien qal li Malta lesta tilqa’ ideat ġodda biex tkabbar il-programm tagħha taċ-Ċittadinanza b’Investiment biex ikollu iżjed suċċess. 
La Repubblica ttemm tispjega kif il-Gvern Malti ma jridx jagħti widen u jsemmi kif fl-2016 Malta daħħlet €163.5 miljun minn dan il-programm.
Waqt intervista mal-BBC, li xxandret din il-ġimgħa, il-Prim Ministru Malti Joseph Muscat insista mal-ġurnalist li Malta ma tbigħx iċ-ċittadinanza